Il-Gvern se jdaħħal liġi biex is-separazzjoni tal-iskart fid-djar u l-entitajiet kummerċjali issir obbligatorja.

Dan tħabbar mill-Ministru tal-Ambjent Josè Herrera waqt it-tnedija ta’ ‘Tetra għall-Istrina’, inizjattiva ambjentali minn GreenMT bil-għan li tkabbar l-għarfien dwar is-separazzjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart u fl-istess ħin iżżid il-karus tal-Malta Community Chest Fund.

Il-Ministru tal-Ambjent qal li l-obbligu li wieħed jissepara l-iskart se jkun inkluż f’liġi ġdida dwar l-ekonomija ċirkulari li hi mbuttata primarjament mill-Unjoni Ewropea.

 

Il-Kap tal-Operat ta’ GreenMT Marcella Agius qalet li din il-kampanja se tkun parti mill-‘European Week for Waste Reduction’ (EWWR) bejn it-18 u s-26 ta’ Novembru.

 L-inizjattiva sabet l-appoġġ ta’ numru ta’ skejjel, Kunsilli Lokali u entitajiet kummerċjali li lkoll qed jisseparaw il-kartun.

Il-mira hija li f’erba’ ġimgħat GreenMT tiġbor iktar minn 50 tunnellata ta’ dan il-materjal u tagħti €60 għal kull tunnellata lill-Istrina.

Agius saħqet kif sa sena ilu dan it-tip ta’ kartun ma kienx materjal li jiġi riċklati, tant li l-Gvern kien għamel kampanja dwar dan.

GreenMT qed tħeġġeġ lill-pubbliku biex f’dawn l-erba’ ġimgħat jissepara l-kartun u jċempel lill-GreenMT fuq il-freephone 8007 4444 fejn qed tingħata informazzjoni kif qed jinġabru l-boroż bil-materjal għar-riċiklaġġ b’risq l-Istrina.

 

Designed & Developed by General Informatix Ltd
All Rights Reserved - Content may not be reproduced without prior consent.