Illum, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Dr Josè Herrera u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Dr Stefan Buontempo indirizzaw il-Green Council Awards.
 
Il-Ministru Herrera qal li waħda mill-ikbar sfidi illi għandu pajjiżna hija bla dubju ta’ xejn dik tal-iskart. Huwa qal li ma nistgħux nibqgħu nipprokrastinaw milli nieħdu ċertu deċiżjonijiet u li huwa lest li jieħu dawn id-deċiżjonijiet wara li jkun sema’ u għarbel l-opinjoni ta’ kulħadd.
 
Huwa stqarr li għalih din hija sfida kbira mhux biss għall-Ministeru tiegħu imma għall-pajjiż kollu.
 
Il-Ministru semma li x-xahar li għadda, il-Ministeru tiegħu nieda l-kampanja "Taħlix l-Iskart" biex teduka u żżid l-għarfien dwar l-immaniġġjar tal-iskart. Din il-kampanja tikkumplimenta l-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Immaniġġjar tal-Iskart li kien ippublikat fl-2014. 
 
Il-Ministru Herrera spjega li f’Diċembru tal-2015 il-Kummissjoni Ewropea ħarġet ir-reviżjoni tas-Circular Economy Package. Minnha ħareġ ċar li l-immaniġġjar tal-iskart ma jistax jiġi ttrattat b’mod iżolat biex jinkiseb suċċess. Il-Ministru enfasizza li huwa importanti li Malta ssaħħaħ l-isforzi tagħha sabiex nilħqu l-miri kemm dawk tal-2020 u anka post 2020, issa li s-Circular Economy Package qed tiġi diskussa fuq livell Ewropew biex nindirizzaw il-miri post 2020.
 
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Dr Stefan Buontempo spjega kif il-ġbir tal-iskart huwa servizz importanti li joffru l-Kunsilli Lokali. Huwa semma kif il-kultura tas-separazzjoni tal-iskart u l-impenn favur ambjent aħjar qegħdin isiru aktar popolari fost il-Maltin u l-Għawdxin, grazzi anke għall-impenn tal-Kunsilli Lokali.
 
Is-Segretarju Parlamentari qal kif l-immaniġġjar tal-iskart huwa parti importanti fil-ħidma favur l-iżvilupp sostenibbli u rrefera għall-proġett pilota tal-borża tal-iskart organiku. Grazzi għal din l-inizjattiva, qed jonqos il-volum ta’ iskart organiku li jintrema’ fil-landfills. Dan l-iskart bħalissa qed jintuża biex jiġġenera l-enerġija għal 2,500 dar.
 
Is-Segretarju Parlamentari Buontempo ħabbar li fil-futur ser jitħabbru skemi ta’ proġetti għall-Kunsilli Lokali mmirati għall-qasam ambjentali u rrefera wkoll għall-ħidma tal-Aġenzija tal-Infurzar Lokali (LESA) li qed tħaddem is-sistema l-eco-wardens, biex jiġi assigurat infurzar xieraq kontra r-rimi abbużiv ta’ skart fit-toroq u l-kampanja Maltin u Għawdxin.

Designed & Developed by General Informatix Ltd
All Rights Reserved - Content may not be reproduced without prior consent.